Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilta’ tat-Teknoloġija Informatika (Foundation for Information Technology Accessibility – FITA) hija d-difensur u l-koordinatur prinċipali biex it-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informatika (ICT) tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u ċ-ċittadini anzjani fil-gżejjer Maltin. Is-servizzi tagħna jgħinu lill-individwi b’diżabbiltà u liċ-ċittadini anzjani fis-selezzjoni, l-akkwist jew l-użu ta’ teknoloġija assistiva li hija intenzjonata biex tmantni jew ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-individwu.

Il-funzjoni prinċipali tal-FITA hija li tiggwida organizzazzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-aċċessibbiltà għall-ICT u tipprovdi appoġġ lil individwi b’diżabbiltà u ċittadini anzjani biex jegħlbu jew iwarrbu ostakli għall-edukazzjoni u l-impjiegi permezz tal-ICT. Permezz tal-awtonomizzazzjoni u l-inklużjoni soċjali, il-persuni b’diżabbiltà u ċ-ċittadini anzjani ma jeħtiġux li jiddependu ħafna fuq l-appoġġ tal-familja u tal-istat. Billi niżguraw li jittieħdu l-passi xierqa biex jiġi minimizzat id-distakk diġitali, aħna nimmiraw biex l-individwi jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod produttiv fis-soċjetà u l-ekonomija.

Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà għat-Teknoloġija Informatika (FITA) twaqqfet fl-2000 mill-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (Malta Information Technology Agency – MITA) u l-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) bil-mira li tindirizza d-distakk diġitali u l-awtonomizzazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u ċ-ċittadini anzjani biex jagħmlu l-użu l-aktar effettiv tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni (ICT).

Il-Viżjoni Tagħna

FITA – Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija Informatika tagħti importanza lill-impjegati tagħha billi tagħtihom is-setgħa jiksbu Servizz ta’ Eċċellenza indirizzat liċ-ċittadini anzjani u lill-persuni b’diżabbiltà kollha. Billi taħdem sabiex it-teknoloġija ssir aċċessibbli u tista’ tintlaħaq minn kulħadd, il-Fondazzjoni tiżgura attenzjoni ugwali, inklużività u motivazzjoni relatati mat-titjib tal-istil tal-ħajja bl-użu tal-ICT.

Il-Missjoni Tagħna

Li nħarrġu u nagħtu s-setgħa lil ċittadini anzjani u persuni b’diżabbiltà fl-użu tal-ICT, biex jinħoloq ambjent li jagħti s-setgħa sabiex tali persuni jiġu pprovduti b’opportunitajiet indaqs.

Il-Valuri Tagħna

Aħna nemmnu f’impenn għal eċċellenza dejjem għaddej, titjib kontinwu permezz tar-riċerka, għajnuna effettiva f’kull ħin, u ekwità ta’ servizz imwettaq b’diliġenza dovuta, rispett, responsabbiltà u integrità.

L-uffiċċju tal-FITA huwa bbażat f’Onda Business Centre, Level 3, Triq Aldo Moro, il-Marsa.

Il-persunal tal-FITA jikkonsisti primarjament f’individwi li huma ferm awtonomizzati. Kull wieħed jiffoka fuq l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tiegħu, huma madankollu jibbenefikaw minn ħidma soda f’tim, fejn kulħadd jikkontribwixxi skont l-aħjar kapaċitajiet tiegħu jew tagħha. Dan il-mudell ta’ ħidma huwa dduplikat fuq skala akbar mal-operazzjonijiet kollha tal-FITA, fejn in-networking mal-industrija, l-entitajiet pubbliċi u l-NGOs għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tal-FITA permezz ta’ inizjattivi u servizzi tanġibbli.

Illum il-ġurnata, il-FITA xorta twettaq ir-rwol oriġinali tagħha bħala ċentru ta’ eċċellenza bbażat fuq ir-riċerka, fejn tippromwovi l-użu tal-ICT u t-teknoloġija assistiva. Madankollu, sabiex nipprovdu soluzzjoni olistika biex innaqqsu d-distakk diġitali, aħna ngħinu wkoll organizzazzjonijiet oħra permezz ta’ għadd ta’ servizzi u inizjattivi. Fil-qalba tal-attivitajiet tal-FITA hemm is-servizzi taċ-Ċertifikazzjoni tal-Aċċessibbiltà għall-ICT u l-Konsulenza għal ICT Assistiva.

Is-Servizzi Tagħna

Helpdesk:

Id-dipartiment tal-Helpdesk tagħna jgħin jidentifika u jassisti klijenti bi kwalunkwe problema li l-klijenti tagħna jista’ jkollhom dwar it-Teknoloġija. Dan l-appoġġ huwa possibbli permezz ta’ rispons għal talbiet bit-telefown fejn jistgħu jimmaniġġjaw mistoqsijiet dwar problemi bl-ICT.

Il-klijenti jistgħu jsaqsu l-mistoqsijiet tagħhom billi jċemplu n-numri tat-telefown tagħna 22768008/22768019.

Outreach:

Id-dipartiment tal-Outreach huwa ddedikat biex jipprovdi l-ogħla kwalità ta’ servizz lill-klijenti tagħna. It-tim tagħna ta’ membri tal-persunal professjonali huwa ferm imħarreġ u għandu esperjenza biex jipprovdi assistenza lill-klijenti kemm fl-uffiċċju tagħna kif ukoll fuq il-post. Aħna nifhmu li bosta mill-klijenti tagħna għandu mnejn ma jkunux jistgħu jiġu fl-uffiċċju tagħna għall-assistenza, u għalhekk aħna noffru żjarat fid-dar. Barra minn hekk, aħna stabbilixxejna ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra biex nipprovdu s-servizzi tagħna fil-binjiet tagħhom. B’hekk aħna nkunu nistgħu niltaqgħu mal-klijenti f’ambjent komdu u konvenjenti u nipprovdulhom l-assistenza li jeħtieġu. Aħna nistinkaw biex niżguraw li l-klijenti tagħna jkunu pprovduti bir-riżorsi u l-appoġġ li jeħtieġu biex jirnexxu.

Il-klijenti jistgħu jagħmlu appuntamenti magħna billi jċemplu n-numri tat-telefown tagħna 22768008/22768019 jew jibgħatulna email fuq [email protected].

Taħriġ:

Id-dipartiment tat-taħriġ imexxi sessjonijiet ta’ taħriġ rigward ħiliet fit-teknoloġija lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni anzjani. Dawn il-korsijiet huma mfassla biex jgħinu lil dawn il-persuni jiksbu dawk il-ħiliet fit-teknoloġija li huma jistgħu jużaw biex isiru indipendenti fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Dawn il-korsijiet bħalissa qed isiru fuq il-post fl-uffiċċju tagħna fil-Marsa u fl-uffiċċji ta’ ċerti kunsilli lokali. L-iskeda tas-sessjonijiet ta’ taħriġ se tiġi ppubblikata u aġġornata regolarment permezz tal-media soċjali tagħna u s-sit web tagħna.

Riċerka:

Permezz tad-dipartiment tar-riċerka, l-impjegati tal-FITA jkunu jistgħu jinżammu aġġornati dwar kwalunkwe bidla fis-software u l-hardware. Permezz tar-riċerka dejjem għaddejja, tiġi ggarantita assistenza lil dipartimenti oħrajn li jistgħu jgħaddu bosta mistoqsijiet li tirċievi l-FITA. Għaldaqstant, aħna nistgħu nirrakkomandaw l-aħjar modi biex intejbu l-ħajjiet tal-klijenti tagħna.

Informazzjoni ta’ Kuntatt:

Numru tat-Telefown: 22768008 / 22768019

Email: [email protected]

Facebook: https://www.facebook.com/fitamalta.eu

Instagram: https://www.instagram.com/fitamalta/

LinkedIn: https://www.linkedin.com/company/foundation-for-information-technology-accessibility/

Twitter: https://twitter.com/fita_malta

Indirizz: Onda Business Centre, Level 3, Triq Aldo Moro, Il-Marsa.

żgħażagħ
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.