Il-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

L-objettiv tal-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali huwa li jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ, jippromwovi l-benesseri matul il-fażijiet kollha tal-ħajja, u jwassal għal titjib konkret fil-kwalità tal-ħajja tal-individwi, l-familji u l-komunitajiet. Il-Ministeru huwa impenjat li joħloq opportunitajiet għall-iżvilupp personali, il-parteċipazzjoni attiva, l-inklużjoni soċjali u r-reżiljenza, filwaqt li jiżgura li kull persuna jkollha l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa biex tirnexxi f’soċjetà li qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Il-Ministeru huwa wkoll responsabbli biex imexxi l-implimentazzjoni effettiva tal-Programm Elettorali tal-Gvern, billi jittraduċi l-impenji f’azzjoni konkreta u f’riżultati li jistgħu jitkejlu għall-ġid taċ-ċittadini. Huwa ddedikat li jtejjeb kontinwament is-servizzi li joffri u li jiżgura li l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, governanza tajba, trasparenza u kontabbiltà jiġu applikati b’mod konsistenti fil-Ministeru kollu u fl-entitajiet tiegħu.